Ghaqda Dilettanti Mudelli ta' Knejjes

25 Sena Anniversarju 1986 - 2011

Ftuh Ufficjali tal-Wirja mill-Ex President Guido Lanfranco  -  Il-Gimgha 11 ta' Marzu, 2011

 

Il-Gimgha 11 ta' Marzu 2011 inzammet ic-cerimonja tal-ftuh ufficjali tal-wirja ta' din is-sena tal-gublew tal-fidda mit-twaqqif tal-Ghaqda.  Il-wirja giet inawgurata mill-Ex President Guido Lanfranco li serva bhala l-ewwel President tal-Ghaqda.  Sar it-tberik mill-W. Rev. Kan. Patri Michael Camilleri OP u diskors tal-okkazjoni mill-President attwali Vincent Galea.

Ghal din l-okkazjoni l-Ex President George Gusman gentilment irregala l-Barka Apostolika tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI waqt li l-membru Emmanuele Muscat ipprezenta lill-Ghaqda tifkira ohra tal-okkazjoni.  L-Ghaqda minn naha taghha ipprezentat tifkira lill-Presidenti kollha li servew tul dawn l-ahhar 25 sena b'turija ta' apprezzament ghal dak kollu li wettqu b'risq l-istess Ghaqda u d-delizzju tal-mudelli tal-knejjes.  Rigali inghataw ukoll lid-direttur spiritwali Patri Michael Camilleri OP u lil Patri Tomas Calleja OFM Conv, Gwardjan tal-Frangiskani Konventwali. 

  

Diskors fil-ftuh tal-Wirja mill-President tal-Ghaqda  - Vincent Galea

Faħħru ‘l Mulej għaliex hu tajjeb għaliex it-tjieba tiegħu għal dejjem.

Reverendi sacerdoti, Sinjuri mistednin, maħbubin membri;

Illum inħoss li huwa mument mill-aktar propizju biex infaħħru t-tjieba tal-Mulej. Irnexxilna nimxu mixja ta’ 25 sena. Mixja li mhix dejjem kienet faċli imma li llum qed niġbru l-frott ta’ħafna sagrificcji. Ħamsa u għoxrin sena ilu d-delizzju tagħna kien kważi spiċċa għal kollox, min kien dilettant beda jsib ruħu waħdu u beda jaqta’ qalbu. Kien għalhekk intervent mill-aktar f’waqtu, dak li wettqu Rafel Micallef, Pawlu Piscopo u Tony Terribile, li ftehmu flimkien u waqqfu għaqda għal dawk interessati fil-folklor reliġjuż. Kienu tliet persuni providenzjali li xtaqu li dawk li jiġu warajna igawdu wkoll il-patrimonju li ħallewlna missirijietna. Minn dak iż-żmien id-dilettanti ssoktaw joktru, żdied l-entużjażmu u bħala riżultat żdiedu l-Wirjiet assoċjati mal-folklor reliġjuż li tista’ tgħid issa qed jitellgħu f’kull belt u raħal.

Għalkemm aħna bħala għaqda dejjem ħeġġiġna u fejn stajna pparteċipajna f’dal-wirjiet, dejjem ridna li l-Wirja tagħna sservi ta’ mudell għalihom lkoll u dan għal diversi raġunijiet. Fil-Wirja tagħna ta’ kull sena jieħdu sehem madwar 100 membru li jesebixxu xogħolijiet differenti li lkoll jaqgħu fl-ispettru tal-arti sagra, Għandna mudelli ta’ knejjes jew partijiet minnhom, statwi kemm titulari u anke tal-ġimgħa l-kbira, pittura sagra, santi, affarijiet konnessi mad-drawwiet u d-devozzjonijiet u tant affarijiet oħra li l-membri b’dedikazzjoni kbira jġibu ta’ kull sena għal din il-wirja. Aħna dejjem qisna li l-membri għandhom ikunu bħal kampjuni ta’ kif għandhom jiġu esebiti dawn l-oġġetti.

Imma l-ħidma tal-Għaqda ma kinitx iffukata biss fuq il-Wirjiet. Dawn s’intendi huma l-attivitajiet prinċipali tal-Ghaqda, madankollu aħna dejjem irsistejna biex lill-membri nagħtuhom perspettiva aktar wiesa’ tal-folklor reliġjuż. Dan nagħmluh billi norganizzaw laqgħat b’mod regolari li fihom nistiednu kelliema li huma midħla tal-qasam tagħna, bħal restawraturi, artisti u studjużi tal-folklor. Nifhmu li l-membri m’għandhomx ikunu biss dilettanti tal-mudelli tal-knejjes u l-istatwi imma għandhom ikunu infurmati dwar id-diversi opri ta’ arti sagra li nsibu f’pajjiżna u ‘l hinn minn xtutna u hawn nappella biex l-attendenza għal dawn il-laqgħat tissokta tiżdied.

Ma nixtiqx ma nsemmix il-mezzi ta’ komunikazzjoni li l-għaqda għarfet is-siwi tagħhom sa mit-twaqqif tagħha. Il-fuljett ‘Il-Knisja Tiegħi’, l-organu uffiċjali tal-għaqda baqa’ joħroġ kull xahrejn  sa mill-1986. Illum bi pjaċir ngħidu li wasalna fin-numru 153. Mhix ħaġa faċli li tibqa’ żżomm appuntament kontinwu għal 25 sena madankollu permezz tal-fuljett, dan irnexxilna nagħmluh.

Minn madwar 5 snin ilu l-Għaqda rat il-bżonn li l-messaġġ tagħha tgħaddih b’mod teknoloġiku u għalhekk għamilna l-paġna tal-Għaqda fuq l-internet. Din mhux biss isservi ta’ ħolqa bejn il-membri imma wkoll sservi ta’ vetrina għall-pubbliku inġenerali kemm f’pajjiżna u anke f’artijiet oħra. Wieħed jieħu pjaċir jinnota li l-għadd ta’ dawk li jidħlu f’ dan is-sit qiegħed dejjem jiżdied u dan huwa frott ta’ ħidma kontinwa anke biex tiġi llinkjata ma’ siti oħra li għandhom għal qalbhom it-tradizzjonijiet ta’ missirijietna.

Matul 25 sena kellna okkażjonijiet meta ħsibna li l-ħalel kienu se jibilgħuna. Madankollu bqajna magħqudin u ffukajna fuq l-iskop prinċipali tal-għaqda jiġifieri dak li jingħata glorja ‘l Alla u l-qaddisin tiegħu permezz tad-delizzju tal-mudelli tal-knejjes u dak kollu konness magħhom. Fortunatament meta għadda l-maltemp sibna li l-problemi saħħewna u mmaturawna u rajna li għal quddiem konna mħejija aħjar biex nwasslu l-messaġġ tagħna. Ma nistax illum ma niftakarx u ma nsellimx lill-predeċessuri tiegħi il-presidenti ta’ qabli li lkoll kellhom tir fejn riedu jwasslu lill-għaqda Guido Lanfranco Rafel Micallef, Tony Terribile u George Gusman. Minnhom ilkoll tgħallimt ħafna u lejhom jiena grat  għax huwa sewwa u xieraq li wieħed jirikonoxxi l-għejjun li minnhom ikun xorob matul is-snin. Magħhom insellem lil dawk kollha li b’ tant entużjażmu ħdimt magħhom fil-kumitat. Insellem ukoll il-memorja ta’ dawk il-membi li ħallew din il-ħajja  fosthom lil sieħbi Joe Mallia li miegħi kien ta’ sehmu wkoll fl-ewwel kumitati u lil Anthony Piscopo membru ieħor assidwu li ta’ kull sena kien jipprepara xi ħaġa għall-Wirja u li  l-Mulej sejjaħlu għal għandu f’Diċembru li għadda, frattant kien diġa pprepara xi xogħol li xtaq jesebixxi f’ din il-wirja u li l-familjari għoġobhom iġibulna b’memorja tiegħu.

Meta wieħed jiċċelebra ma jridx biss jiftakar fil-ġrajjiet li jkunu għaddew, irid iħares lejn il-futur u l-isfidi li dan iġib miegħu. Trid tkun lest biex waqt li tibqa’ sħiħ mal-għan ewlieni tiegħek, tagħraf tesplora mezzi ġodda kif il-messaġġ tiegħek jasal għand il-pubbliku inġenerali, b’mod partikolari għand il-ġenerazzjoni żagħżugħa li aħna nixtiequ tkun parteċipi fit-tfassil tal-ħidmiet tagħna.

Il-ħajja ta’llum hija differenti minn dik li kienet 25 sena ilu u jista’ jagħti l-każ li xi metodi li kienu addattati għal dak iż-żmien, illum m’għadhomx jagħtu r-riżultati li wieħed ikun jixtieq. Fi żminijietna d-dinja qed tinbidel kuljum u wieħed mhux biss m’għandux jibża’ mill-bidla imma għandu jkun katalista fl-istess bidla. Illum l-għaqdiet li jaħdmu fuq bażi volontarja qed iħabbtu wiċċhom ma’ problema partikolari, dik li jsibu nies li jkunu lesti joffru mill-ħin tagħhom biex iservu fit-tmexxija tal-istess għaqdiet.

Problema li anke fl-għaqda tagħna trid tiġi ndirizzata bl-aħjar mod possibbli mhux biss biex il-ħidmiet tagħna jkomplu għaddejjin bla skossi imma wkoll biex jinħolqu inizjattivi ġodda li jagħmlu l-għaqda tagħna aktar dinamika.

Tajjeb li wieħed isemmi li din is-sena se norganizzaw diversi attivitajiet biex nikkommemoraw il-25 sena mit-twaqqif tal-Għaqda. Għandna mħejjija quddiesa ta’ radd il-ħajr għax nemmnu li l-ewwel ringrazzjament tagħna għandu jkun lil Alla li minnu tibda kull opra tajba u fih tintemm. Barra minn hekk il-membri tajjeb li jżommu dejjem quddiem għajnejhom dak li kien jgħid il-Beatu Angelico, li l-Papa Ġwanni Pawlu 2 kien għamlu patrun tal-artisti,  li minn jagħmel dak li hu ta’Kristu għandu joqgħod dejjem ma’Kristu jiġifieri li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-arti sagra għandhom dejjem ikunu viċin t’Alla biex l-arti tkun ta’ bilħaqq xhieda ta’ twemminhom. Se norganizzaw wkoll Akkademja mużiko letterarja li biha nkunu qed iuru l-apprezzament tagħna lejn l-arti tal-mużika u lejn il-letteratura. Nittamaw li intom il-membri tilqgħu l-istedina tagħna u tattendu għal dawn l-attivitajiet

Irrid nagħlaq dawn l-erba’ kelmiet billi qabel xejn nirringrazzja lil sħabi tal-kumitat tas-sagrifiċċji li jagħmlu, magħhom ippermettuli nirringrazzja lill-familjari tagħhom li mhux biss iservu ta’ spalla għalihom imma ħafna drabi jsibu ruħhom imdaħħlin huma wkoll fil-ħidma tagħna. Nirringrazzja lir-Rev. Gwardjan u l-komunita tal-Venerabbli kunvent ta’ San Franġisk li ta’ kull sena jisilfulna dis-Sala. Din hija t-22 Wirja li qed norganizzaw għandhom hawnhekk. Nirringrazzja lid-direttur spiritwali tal-għaqda tagħna Patri Michael Camilleri O.P. Ringrazzjament speċjali jmur lejkom esebituri li minkejja kull sagrifiċċju kull sena ġġibulna xi oġġett. Ringrazzjament ieħor imur lill-benefatturi li mingħajr l-għajnuna tagħhom din il-Wirja ma tkunx possibbli, u fl-aħħarnett lilkom lkoll ħbieb tagħna li min b’mod u min b’ieħor tagħmlulna kuraġġ biex inkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħna għall-akbar glorja t’ Alla.

 

Il-palk principali  -  armat mill-membru Pio Borg